Servizzi

 

Il-Kunsill Lokali Naxxar jemmen ħafna fil-bżonn li jżomm kuntatt dirett mar-residenti għaliex b'dan il-mod wieħed jista' dejjem iżomm aġġornat dwar x'qiegħed jiġri fil-lokalità kollha u xi jkunu l-bżonnijiet u r-rikjesti tar-residenti. Għaldaqstant, barra li l-uffiċċju jkun miftuħ kuljum sabiex jilqa' l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti, illum il-ġurnata huwa wkoll mgħammar b'sistema kompjuteriżżata biex dawn l-ilmenti jiġu solvuti b'aktar effiċenza.

Bla dubbju ta' xejn, jinżamm kuntatt regolari mar-residenti ukoll permezz ta' gażżetti, flyers u ċirkulari biex, kemm jista' jkun kull aħbar u aġġornament jasal fir-residenza tan-nies tal-lokal fl-inqas żmien possibli.

Kuntatt dirett jinżamm ta' kull sena bejn Frar u Marzu, fejn ir-residenti kollha tan-Naxxar jiġu mistiedna għall-Laqgħa Annwali tal-lokalità fejn kull persuna tista' tgħaddi lmenti, suġġerimenti u opinjonijiet direttament lill-membri tal-Kunsill.

Dawk il-bżonnijiet u problemi li mhumiex responsabiltajiet diretti tal-Kunsill ma jintesewx minn dan il-Kunsill, iżda fejn hu possibli, jintbagħtu ittri f'isem ir-residenti u jsiru laqgħat ma' Ministri u Diretturi ta' Dipartimenti diversi.

L-aktar servizz riċenti li nħoloq huwa dak ta' l-infurzar tal-liġi permezz tal-Gwardjani Lokali, fejn il-Kunsill jikri numru ta' siegħat ta' servizz tal-Gwardjani b'rotot imħejjija mill-istess Kunsill.

 

Share!