Kuntatti Internazzjonali

Il-Kunsill minn dejjem emmen li ma jistax jiffunzjona f’iżolament u għalhekk fittex li jkollu wkoll kuntatti internazzjonali. Ix-xewqa tal-Kunsill Lokali Naxxar hija li l-ħidma twassal biex jinfetħu aktar opportunitajiet għall-Kunsill u r-residenti tiegħu permezz ta’ ksib ta’ esperjenzi u skambji.

Fil-fatt, nhar is-7 ta’ Awwissu 2010 il-Kunsill Lokali Naxxar iffirma l-ewwel ġemellaġġ tiegħu mal-Comune ta’ Mornago li jinsab fil-Lombardija, fl-Italja. Għal din l-okkażjoni ġie Malta kontinġent ta’ 40 persuna fosthom is-Sindku, Dott. Paolo Gusella; il-Viċi Sindku Alessandro Montin; u l-Assessore, Dott.ssa Lucia Busata kollha mill-Comune ta’ Mornago; l-Assessore mill-Provinċja ta’ Varese, Dott. Bruno Specchiarelli; membri mill-amministrazzjoni tal-Comune ta’ Mornago kif ukoll għalliema, mużiċisti u professjonisti f’materji diversi.

Tul dawn l-aħħar snin ukoll, il-Kunsill kellu kuntatti mill-qrib ma’ żewġ lokalitajiet barranin li magħhom iffirma ftehim ta’ kollaborazzjoni. Dawn kienu t-Tieni Distrett tal-Belt ta’ Bucharest fir-Rumanija u l-lokalità ta’ Hailsham fir-Renju Unit.

Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Kunsill jieħu ħsieb jagħmel laqgħat ma’ ambaxxaturi barranin residenti f’Malta. Huwa ta’ pjaċir ukoll ninnutaw li n-Naxxar spiss jintagħżel bħala r-residenza ta’ ambaxxaturi barranin u li jinkludu r-Renju Unit, l-Awstralja, il-Greċja, l-Belġju u l-Portugal fost oħrajn.

  • Ġemellaġġ mal-Comune ta’ Mornago, fl-Italja
  • Żjara mit-Tieni Distrett ta' Bucharest, fir-Rumanija
  • Żjara minn Hailsham, fl-Ingilterra
  • Żjarat minn Ambaxxaturi
  • Żjarat oħra

Share!