L-Att Dwar il-Kunsilli Lokali

Il-Gvern Lokali ġie mwaqqaf fl-1993 bl-approvazzjoni tal-Parlament Malti fit-30 ta’ Ġunju 1993, tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta). Din il-liġi waqqfet 67 lokalitajiet (aktar tard saru 68). Aktar minn hekk serviet bħala mekkaniżmu biex tirregola l-operat tal-Kunsilli Lokali.

L-Att dwar il-Kunsilli Lokali ġie mfassal fuq il-European Charter of Local Self-Government, li l-Gvern Malti kien iffirma u rratifika. Skont dan l-Att, “Il-Kunsill huwa korp statutorju ta’ gvern lokali b’personalità legali bis-setgħa li jagħmel kuntratti, li jħarrek u li jkun imħarrek, u li jagħmel kull ħaġ’oħra u li jidħol f’dawk it-transazzjonijiet li huma inċidentali jew li jwasslu għall-eżerċizzju u għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħu skont dan l-Att”.

Illum, Malta għandha 68 Kunsilli Lokali – 54 f’Malta u 14 f’Għawdex. Fil-21 ta’ Diċembru 1999, l-Att dwar il-Kunsilli Lokali ġie rivedut permezz tal-Att tal-Kunsilli Lokali (Emendi) 1999 [Att Nru. XXI (1999)].

Pass ieħor importanti biex jikkonsolidaw il-Gvern Lokali f’Malta kien meta s-sistema tal-gvern lokali ġiet imnaqqxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Infatti, fl-24 ta’April 2001, Att Nru. XIII tal-2001 stabbilixxa li: “L-Istat għandu jaddotta sistema ta’ gvern lokali li bih it-territorju ta’ Malta jinqasam f’dak l-għadd ta’ lokalitajiet hekk kif jista’ minn żmien għal żmien jiġi stabbilit b’liġi, b’dan li kull lokalità tkun amministrata minn Kunsill Lokali elett mir-residenti tal-lokalità u li jitwaqqaf u jitħaddem skont dik il-liġi li tista’ minn żmien għal żmien tkun fis-seħħ”.

Share!