Fortifikazzjonijiet

Il-post proprju fejn hu mibni r-raħal tan-Naxxar joffri kenn naturali lil min jgħix fih. Fil-fatt, minn żminijiet bikrin, dan ir-raħal kien jintuża sabiex wieħed ikun jista' jifli kull ċaqliq li seta' jkun qed isir mill-għedewwa. Minħabba wkoll li din l-għolja għandha pjanura li twassal sal-baħar, insibu li matul iż-żminijiet inbnew tliet forom ta' difiża: dawk max-xatt - bħal torrijiet, trunċieri, batteriji, ridotti u beachposts - bħala reżistenza fiżika għal kull min jittanta jinżel l-art; difiża 'l ġewwa mix-xatt - bħal pill-boxes - sabiex itellfu l-avvanz tal-għedewwa kemm-il-darba jkun irnexxielhom jinżlu l-art; u fortifikazzjonijiet fuq blat għoli.

Insibu li dan ir-raħal huwa msemmi fuq il-lista tal-Milizzja bid-data 1419-1420 u li turi li kien hemm 92 raġel min-Naxxar. Skont informazzjoni li għandna, ħames lokalitajiet oħra biss - Birgu (Vittoriosa), Rabat, Mdina, Żebbuġ u Qormi - kellhom aktar.

Mal-wasla tal-Kavallieri fl-1530 bdew jinbnew numru ta' torrijiet. Sinjal ta' dawn huma żewġ torrijiet f'San Pawl tat-Tarġa - it-Torri tal-Kaptan u t-Torri Gauci. It-Torri tal-Kaptan, li qiegħed maġenb il-kappella ta' San Pawl tat-Tarġa, inbena fi żmien il-Gran Mastru La Vallette u kien l-ewwel forma ta' fortifikazzjoni mill-Kavallieri mhux fl-inħawi tal-port u u l-ibliet ta' madwaru. Dan it-torri jissejjaħ hekk għaliex fih kien jgħix il-Kaptan tal-Milizzja u kienet tinżamm l-għassa tal-Kaptan ta' dik in-naħa. Interessanti li wieħed jinnota li dan għandu numru ta' drop-boxes, speċi ta' galleriji żgħar mingħajr qiegħ li minnhom wieħed seta’ jitfa' żejt jagħli u ġebel lejn l-għadu, kif ukoll numru ta' toqob jew ftuħ li minnhom is-suldati setgħu jisparaw. It-Torri Gauci li huwa ta' għamla kwadra nbena minn Francesco Gauci, forsi anke qabel il-wasla tal-Kavallieri. Dan it-torri wkoll huwa mgħammar bi tliet drop-boxes fil-livell tal-bejt. Dawn iż-żewġ torrijiet lagħbu parti importanti fl-Assedju l-Kbir tal-1565.

Fis-seklu sbatax il-Kavallieri bdew jaħsbu fuq id-difiża tax-xtut u beda l-bini ta' torrijiet f'postijiet strateġiċi. Fil-fatt, fi żmien il-Gran Mastru Martin De Redin (1657-1660) inbnew tlettax-il torri, fejn tnejn minnhom jinsabu fil-lokalità tan-Naxxar. It-torri tal-Ghallis kien it-tieni torri minn tlettax mibnija. It-torri nbena fl-1658 bi spiża ta' 426 skud u kien jgħasses id-daħla tas-Salina. Dan l-aħħar dan it-torri ġie rrestawrat għas-sbuħija oriġinali tiegħu mill-għaqda 'Din l-Art Ħelwa'. It-torri ta' Qalet Marku kien ukoll mibni fl-1658 għal spiża ta' 408 skud. Biex wieħed jidħol fis-sular ta' fuq ta' dan it-torri wieħed kellu juża sellum, filwaqt li sabiex jitilgħu fuq il-bejt, kien hemm taraġ garigor. Fil-każ taż-żewġ torrijiet, fl-1792, kien ġie ordnat li jiġu armati b'żewġ kanuni kull torri.

Fil-bidu tas-seklu tmintax, ġie deċiż li tinbena forma ta' difiża differenti, f'forma ta' trunċieri u batteriji. Bejn l-1714 u l-1715 inbnew għaxar batteriji, waħda minnhom f'Qalet Marku. Il-batteriji kienu jikkonsistu fi pjattaforma għal kanun imdawra b'parapett bi ftuħ minn fejn setgħu jisparaw. Sfortunatament, illum, mill-batterija ta' Qalet Marku ma baqax ħlief biċċa mill-foss u mill-ħajt. Fis-Salina u Baħar iċ-Ċagħaq insibu wkoll żewġ ridotti, bini pentagonali mdawwar b'parapett baxx u foss baxx ukoll; kif ukoll biċċa ħajt li fiż-żmien kienet isservi bħala trunċiera. L-aħħar forma ta' difiża matul ix-xatt kien il-fugass, fis-Salina. Il-fugass kienet toqba kbira fil-blat li kienet timtela bil-biċċiet tal-ġebel u tiġi sparata fuq xi xini li jipprova jidħol f'din il-bajja. Mit-tnejn li kien hemm, sfortunatament għad hemm biss wieħed u qiegħed viċin ħafna tar-ridott ta' żmien il-Gran Mastru Ximenes.

Fl-1722, fin-Naxxar, inbniet l-ewwel linja ta' difiża għall-infanterija f'Malta mill-Kavallieri. Matulha wieħed isib erba' ponot f'forma trijangulari, fejn il-ħitan ta' bejn dawn kienu maqsuma b'bieb fin-nofs li minnu setgħu joħorġu s-suldati f'każ ta' kontrattakk. Eżatt taħt it-trunċiera, wieħed isib foss maqtugħ fil-blat matul il-linja tagħha. Minħabba xogħlijiet infrastrutturali li saru, illum għadhom jidhru biss tlieta mill-ponot.

Sfortunatament, il-fortifikazzjonijiet tal-Kavallieri kellhom tmiem traġiku minħabba li meta Napuljun Bonaparte wasal Malta bl-armata tiegħu, fit-12 ta' Ġunju 1798, huwa ma sabha diffiċli xejn biex jiżbarka u jaħtaf il-gżira f'qasir żmien.

Fis-seklu dsatax, matul il-ħakma Ingliża, inbnew tliet fortizzi kbar - f'Binġemma, il-Madliena u l-Mosta. Dawn kienu l-bidu ta' sistema magħrufa aħjar bħala l-Victoria Lines. Dawn il-fortizzi kienu magħquda b'linja kontinwa tal-infanterija - sempliċi parapett u passaġġ għas-suldati. Ix-xogħol fuq il-Victoria Lines u żidiet oħra magħhom spiċċa mal-1900. Fl-1907, iżda l-Ingliżi reġgħu marru lura għad-difiża tal-kosta u għaldaqstant abbandunaw il-pożizzjoni tal-Victoria Lines bħala front ta' difiża.

Mat-tletinijiet, ġie deċiż li jinbnew numru ta' pill-boxes matul ix-xtut u anke 'l ġewwa. Waħda minnhom, li ġiet restawrata riċentament mill-Kunsill Lokali Naxxar bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Wirt Artna, qiegħda fuq nett tat-Telgħa T'Alla U Ommu u hija magħrufa aħjar bħala Defence Post R15. Mhux magħruf eżatt meta nbniet din il-pill-box iżda wieħed jista' jażżarda jgħid li kienet tlestliet sal-aħħar tal-1939, minħabba li wieħed jista' jsibha mniżżla f'lista uffiċjali bid-data Jannar 1940. Il-pill-box kellha forma ta' kaxxa u kienet mibnija fuq żewġ livelli - il-parti ta' fuq kienet tintuża mis-suldati sabiex jisparaw minnha, filwaqt li s-sular t'isfel kien jintuża bħala akkomodazzjoni.

Fis-Salina u f'Birguma wieħed jista' jsib ukoll żewġ anti-craft batteries. Dik ta' Birguma, speċjalment, tat sehem kbir fit-Tieni Gwerra minħabba li kienet fil-linja diretta tal-għadu riesaq minn naħa ta' Sqallija.

Ħaġa unika għal Malta hija dik magħrufa bħala l-'Widna', li kienet forma ta' difiża tal-ajru. Il-'Widna' hija forma primittiva ta' radar, b'akustika perfetta, li permezz tagħha kien jinqabad il-ħoss tal-ajruplani tal-għadu sabiex imbagħad jingħata avviż bikri lill-batteriji ta' kontra l-ajru. Din inbniet għall-ħabta tal-kriżi tal-Abissinja, fl-1935.

 

 

Share!