Il-Knisja Parrokkjali

 

Il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar ġiet imtellgħa parroċċa fl-1436 mill-Isqof De Mello, u kienu suġġetti lejha l-irħula tal-Mosta u l-Għargħur. Fil-fatt, l-Isqof Demello kien niżżilha bħala waħda mill-għaxar parroċċi ta' Malta u kienet l-ewwel parroċċa ddedikata lill-Madonna wara dik tal-Kattidral l-antik. Fl-1575, il-matriċi tan-Naxxar kienet tgħodd mas-36 knisja - 14 fin-Naxxar, 5 fil-Għargħur, 12 fil-Mosta u 5 fil-viċinanzi ta' dawn l-irħula. Il-Knisja kif nafuha llum inbniet bejn l-1616 u l-1630, meta fin-Naxxar kien hemm 1,200 resident, u kienet inħasset il-ħtieġa li titkabbar il-Knisja preżenti. Id-disinn ta' din il-knisja sar mill-Perit Tommaso Dingli, wieħed mill-aħjar periti ta' dak iż-żmien, filwaqt li l-Kappillan kien Dun Ġakbu Pace. Il-kor u l-faċċata ta' ġewwa reġgħu ġew irranġati mill-ġdid fl-1691, fuq disinn ta' Lorenzo Gafà, l-istess Perit li għamel id-disinn tal-Katidral tal-Imdina. Il-Knisja Parrokkjali ġiet solennement konsagrata mill-Isqof Alpheran fil-11ta' Diċembru 1732.

Il-Knisja fiha kor, żewġ kappelluni u kursija u hija twila 130 pied, il-wisgħa mill-kappelluni hija ta' 94 pied, u mill-kursija 30 pied. Il-qanpiena l-kbira saret fl-1840 mill-funditur Toni Tanti u swiet �225. Il-faċċata tal-Knisja turi żewġ arloġġi, wieħed juri l-ħin attwali filwaqt li l-ieħor huwa tpinġija u juri nofsinhar neqsin kwart (11.45).

Il-pittura prinċipali turi t-Twelid tal-Madonna u pinġieha l-famuż Mattia Preti (1613-1699) filwaqt li fil-ġenb tagħha hemm żewġ pitturi kbar magħmula minn Stefano Erardi (1650-1733) u juru l-Ħarba mill-Eġittu u l-Adorazzjoni tal-Maġi. Pitturi oħra li juru l-Madonna bil-Bambin, San Gejtanu, San Alwiġi Conzaga, is-Salvatur u d-Duluri huma xogħol il-pittur Malti Franġisku Zahra (1680-1765). Fis-sagristija hemm merfugħa l-pittura qadima fuq l-injam li turi l-Madonna tar-Rużarju, u li nħaddmet minn Gio Maria Abela fl-1595.

Il-bieb maġġur huwa tal-bronż, iġib id-data tal-1913 u hu xogħol Pio Cellini. Il-bieb huwa mqassam f'erba' panewwijiet prinċipali, fejn insibu erba' armi li jissimbolizzaw l-arma tal-Bambina, padruna tan-Naxxar; l-arma tar-raħal; l-arma tal-Papa San Piju X u l-arma tal-familja Zammit, li kienu l-benefatturi ta' dan il-bieb. Fl-1952, dan il-bieb ġie żarmat u mnaddaf mill-ġdid minn ħaddied Naxxari, Mastru Lucens Agius. L-ispejjeż reġgħu ġew imħallsa mill-istess familja Zammit.

Il-vara tal-Vitorja, liema festa tiġi ċċelebrata fit-8 ta' Settembru, inġabet lesta minn Ruma filwaqt li l-vari tal-passjoni huma xogħol dilettant Malti. In-Naxxar kien wieħed minn tal-ewwel li kellu l-vari tal-passjoni, tant li hu mifhum li l-purċissjoni bdiet issir xi ftit tas-snin wara l-1750. Fid-9 ta' Novembru 1787, inġieb il-ġisem qaddis tal-martri San Vittorju miċ-ċimiterju ta' San Calepodio ta' Ruma.

 

Share!